About Lexicon

A feature rich and highly configurable, professional Joomla theme.

Icône d'Elisabeth de la Trinité - Carmel de HarissaO Alla tiegħi, Trinita’ li nadura, għinni biex ninsa għal kollox lili nnifsi ħalli nistabbilixxi ruħi fik, ħiemda bla ma nitħarreq bħallikieku ruħi ġa qiegħda fl-eternita’! Jalla xejn ma jtellifni l-paċi tiegħi jew joħroġni minnek. O Alla tiegħi li ma jinbidilx, imma li kull waqt, jeħodni aktar ‘il ġewwa fil-fond tal-Misteru tiegħek! Serraħ lil ruħi, waqqaf hemm is-Sema tiegħek, darek l-għażiża, u l-post tal-mistrieħ tiegħek. Agħmel li jien qatt ma nħallik hemm waħdek, imma li nkun hemm kollni kemm jien, kollni imħeġġa fil-fidi, kollni fl’adorazzjoni, kollni mitluqa għall-Azzjoni ħallieqa tiegħek.

O Maħbub Kristu tiegħi, imsallab għax ħabbejt, jiena nixtieq inkun għarusa tal-Qalb tiegħek, nixtieq nimliek bil-glorja, nixtieq inħobbok... sa ma mmutt bl-imħabba! Imma nħoss in-nuqqas ta’ ħila tiegħi, u nitolbok biex ‘tlibbisni bik innifsek’, biex ruħi ssir ħaġa waħda ma’ kull ċaqliqa ta’ ruħek, tgħaddasni, taħkimni, tieħu l-post li nokkupa jiena, ħalli ħajti ma tkunx ħlief raġġ ta’ ħajtek. Ejja fija bħala Adoratur, bħala Feddej u Salvatur.

O Verb Etern, Kelma ta’ Alla tiegħi, irrid ngħaddi ħajti nisimgħek, irrid inkun dejjem attenta biex nitgħallem kollox minn għandek. Imbagħad, permezz ta’ l-iljieli kollha ta’ l-ispirtu, il-vojt kollu u n-nuqqasijiet ta’ ħila kollha tiegħi, irrid dejjem niffissa ħarsti fik u ngħix taħt id-dawl kbir tiegħek. O Kewkba maħbuba tiegħi, saħħarni lejk sabiex qatt aktar ma nkun nista’ noħroġ mid-dija tiegħek.

O Nar qerriedi, Spirtu ta’ mħabba, ixħet id-dell tiegħek fuqi sabiex fir-ruħ tiegħi sseħħ bħal inkarnazzjoni tal-Verb, u nkun għaliH umanita’ miżjuda li fiha Hu jġedded il-Misteru kollu tiegħu. U int, o Missier, mil lejn il-ħlejqa ċkejkna u msejkna tiegħek, għattiha bid-dell tiegħek, tara xejn fiha ħlief il-Maħbub tiegħek li fih int qegħidt l-għaxqa kollha tiegħek.

O Tlieta tiegħi, il-Kollox tiegħi, l-Hena tiegħi, Solitudni infinita, Immensita’ li fiha jien nintilef: jien bħal priża nintelaq fikom. Inħbew fija ħalli jiena ninħeba fikom, waqt li nistenna li nasal nikkontempla fid-dawl tagħkom l-abbiss tal-kobor tagħkom.